Skip to main content

Risposta ta’ Transport Malta

7 JANUARY 2025:

Risposta ta’ Transport Malta

Transport Malta tiċħad l-allegazzjonijiet infondati tal-Onorevoli Ivan Castillo u tfakkar li diġà tat il-verżjoni tagħha dwar dan il-każ fi stqarrijiet preċedenti.

L-Awtorità tikkjarifika li:

1. L-akkwist sar skont ir-regolamenti tal-akkwist pubbliku u segwa l-proċeduri stabbiliti. Ir-RHIBs ġew ivverifikati minn esperti indipendenti li kkonfermaw li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa, u għalhekk l-Awtorità waqqfet l-użu tagħhom immedjatament u ħadet l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha. Sal-lum l-Awtorità ma ħallset l-ebda pagamenti għal dawn l-opri tal-baħar.

2. Il-kirja ta’ tliet (3) opri tal-baħar (RHIBs) li jirreferi għalihom id-deputat parlamentari Ivan Castillo kienet miżura proviżorja sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet ta’ infurzar marittimu sakemm il-proċess għall-akkwist ta' opri ġodda jitlesta. Ir-RHIBs huma ċertifikati għall-użu kummerċjali skont il-Commercial Vessel Regulations. Anke f’dan il-każ ġie mqabbad surveyor independenti. Bħala stat ta’ fatt il-figura ta’ 100,000 ewro li jikkwota l-istess deputat hija skorretta u qed tiġi miċħuda mill-Awtorità.

3. Il-Kelliem huwa skorrett ukoll illi r-RHIBS eżistenti ta’ Transport Malta ma ġewx użati matul l-aktar xhur importanti. Filfatt Transport Malta għandha żewġ (2) RHIBs fi ħdanha illi kienu qed jintużaw.

4. Tinnota wkoll illi l-kelliem huwa skorrett fuq il-figuri li jikkwota fir-rigward ta’ kemm jistgħu jiswew RHIBs ġodda fejn jikkwota figuri skorretti ta’ 70,000 u 80,000 Ewro. Dawn il-figuri juru li l-kelliem mhuwiex qed jitkellem dwar RHIBs ċertifikati għax-xogħol ta’ infurzar marittimu bl-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa.ż

Transport Malta tassigura illi qed timxi mal-osservazzjonijiet tan-National Audit Office (NAO) u qed tiżgura li tosserva r-rakkomandazzjonijiet fl-akkwist ta’ kull proċess, inkluż dak tar-RHIBs il-ġodda. L-Awtorità tibqa’ impenjata li tkompli twettaq operat trasparenti u li żżomm l-ogħla livelli ta’ sigurtà marittima, filwaqt li tiċħad allegazzjonijiet infondati li mhumiex ibbażati fuq fatti konkreti.

Share this article