Skip to main content

Investiment fin-nies, organizzazzjonijiet volontarji, u ntrapriżi għal trasport aktar sostenibbli

9 JANUARY 2025:

Il-budget għall-2025 tefa’ enfasi qawwija fuq is-soluzzjonijiet li hemm bżonn fil-qasam tat-trasport f’pajjiżna. Id-diskors preżentat is-sena li għaddiet semma’ diversi inizjattivi li se jkun qed jieħu l-Gvern sabiex jassigura sistema tat-trasport aktar sostenibbli f’pajjiżna. Fost l-oħrajn issemmew skemi ta’ għotjiet finanzjarji, inkluża skema tal-iskrappjar, li jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi u muturi elettriċi, inkluż pedelecs ġodda, għal persuni, organizzazzjonijiet volontarji u impriżi.

Din is-sena il-Gvern ser ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu b’investiment ta’ madwar €34 miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP) u dawn ser jintużaw biss għall-pedelecs, vetturi tal-passiġġieri, muturi u vannijiet żgħar li jaħdmu bl-elettriku. Dan jirrifletti d-dedikazzjoni qawwija biex titrawwem ekosistema tat-trasport aktar nadifa u effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

L-għotjiet approvati fl-2022 kienu 1,375, liema telgħu għal 2,414 fl-2023, u li mbagħad qabżu l-4,355 fl2024. B’hekk t-total komplessiv ta’ għotjiet maħruġa għal vetturi elettriċi ġodda f’dawn it-tlett snin ġie jaqbeż it-8,144 b’investiment ta aktar min €69 miljun.

L-inizjattivi u għotjiet mħabbra għall-2025 huma:

  1. 1. L-iskema għax-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku ser tiġi estiża u kull min jixtri vettura ġdida, inkluż muturi, li jaħdmu bl-elettriku ser ikun intitolat għal għotja li tvarja bejn:
  • • €500 għal kull pedelec ġdid (roti megħjuna minn mutur elettriku);
  • • €2,000 jew 80% tal-prezz tal-bejgħ għal muturi elettriċi,
  • • Bejn €2,000 u €6,000, jew 25% taċ-CIF għal triċikli u kwadriċikli elettriċi;
  • • €8,000 għal karozzi u vannijiet bi prezz ta’ mhux aktar minn €40,000; u
  • • €6,000 għal karozzi u vannijiet bi prezz ta’ bejn €40,001 sa’ €100,000.
  • Vetturi b’ valur ta’ aktar min €100,000 mhux ser jkunu intitolati għall ebda għotja.

2. Dan kollu abbinat ma’ skema tal-iskrappjar ta’:

  • • €500 fil-każ ta mutur;
  • • €500 fil-każ ta’ karozza jew vann li tkun ggaraxxjata qabel ma tinqered, bil-liċenzja ta’ ċirkolazzjoni tal-vettura li tkun skadiet aktar minn tlett (3) xhur qabel id-data talqerda; u
  • • €1,000 fil-każ ta’ karozza jew vann li tkun illiċenzjata, bil-liċenzja ta’ ċirkolazzjoni talvettura li tkun skadiet mhux aktar minn tlett (3) xhur qabel id-data tal-qerda.
  • • Se tinżamm ukoll l-għotja finanzjarja addizjonali ta’ €1,000 fuq skrappjar ta’ karozzi antiki rreġistrati f’Għawdex, skont il-kundizzjonijiet imħabbra fil-budget tal-2021.

Bħal ma għamilna fis-snin li għaddew, fassalna din l-iskema sabiex tkun ta’ għajnuna reali anke għallimpriżi u għaqdiet volontarji Maltin li jridu jinvestu fi flotot ta’ vetturi elettriċi. Għaldaqstant, rajna li nofru dawn l-inċentivi taħt iż-żewġ regolamenti eżistenti għal-għajnuna mill-istat, sabiex il-bżonnijiet differenti tal-applikanti kollha jkunu sodisfatti. Dawn ir-regoli huma d-De Minimis, li jillimita l-għajnuna kollha mill-istat għal €300,000 kull 3 snin fiskali, u l-GBER li m’għandux limiti imma jinvolvi iktar
kundizzjonijiet u allura napplikawh biss fejn ir-regoli De Minimis ma jkunux addattati għall-applikant ikkonċernat.

Bħal ma sar fl-2024, l-applikazzjonijiet għal din l-għotja minn applikanti individwali u minn impriżi taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat De Minimis se jkunu jistgħu isiru permezz ta’ formola elettronika, filwaqt li applikazzjonijiet taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat GBER se jsiru permezz ta’ formola tradizzjonali li tista’ tinbidel f’formola elettronika matul is-sena.

Iktar informazzjoni dwar kif se taħdem din l-iskema se tkun ippubblikata u disponibbli fis-sit ta’ Transport Malta.

L-Awtorità temmen li dawn l-inċentivi ser ikomplu jgħinu lis-settur tat-trasport f’Malta u Għawdex fittransizzjoni mportanti lejn mobilita’ nadifa u sostenibbli. Hekk kif għamilna fis-snin li għaddew se nkomplu nsegwu l-iżviluppi lokali u nternazzjonali f’dan il-qasam sabiex inkunu nistgħu noffru lgħajnuna kollha meħtieġa u f’waqta sabiex jintlaħqu l-miri kollha relatati u nassistu s-settur ekonomiku bl-aqwa mod possibbli.

Share this article