Skip to main content

75.8 miljun traġitt permezz tal-użu tat-trasport pubbliku fl-2024.

3 FEBRUARY 2025:

Skont ċifri maħruġa mill-Malta Public Transport, matul l-2024 saru aktar minn 75.8 mijun traġitt permezz tas-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Dan jirrapreżenta żieda ta’ 12.7% % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Filwaqt li fl-2023, in-numru ta’ individwi li kienu jagħmlu użu mit-trasport pubbliku kien tela’ għal 275,215, is-sena li għaddiet dan żdied għal aktar minn 309,300 passiġġier. Iġifieri żieda oħra ta’ 12.4%.

Iż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku ġiet rreġistrata fil-livelli kollha b’mod notevoli fost l-adulti, listudenti u anke f’Għawdex.

Is-sena li għaddiet, aktar minn 174,419 fil- faxxa tal-adulti għamlu użu mit-trasport pubbliku. Żieda ta’ 13% fuq is-sena ta’ qabel. Filwaqt li meta sentejn ilu 43,383 student kienu għamlu użu tat-trasport pubbliku, is-sena l-oħra dawn telgħu għal 46,523 persuna.

F’Għawdex, individwi li għamlu użu mit-trasport pubbliku telgħu għal 6,597 persuna. Żieda oħra ta’ 17% fuq in-numri miksuba fl-2023.

Transport Malta tara din l-aħbar pożittiva bħala turija ċara tal-fiduċja dejjem tikber fl-użu tal-karozza tal-linja bħala mezz ta’ trasport alternattiv f’pajjiżna.

B’mod sinifikattiv, Transport Malta tinnota li l-użu tat-trasport pubbliku bla ħlas qiegħed isarraf biex aktar persuni qegħdin inaqqsu d-dipendenza mill-karozza privata tagħhom u jagħżlu t-trasport pubbliku bħala mezz ewlieni biex jivvjaġġaw minn post għal ieħor f’Malta u Għawdex.

Minkejja dawn ir-riżultat inkoraġġanti, Transport Malta tinsab impenjata li tkompli taħdem flimkien mal-Malta Public Transport biex is-servizz tal-karozza tal-linja jkun iżjed aċċessibbli u effiċjenti għal kull min irid jagħmel użu minnu ta’ kuljum.

Share this article